Daħla mill-Uffiċjal Edukattiv

L-Importanza tal-Istorja fil-Kurrikulu 
It-tagħlim tal-istorja fl-iskejjel jirrikjedi viżjoni ċara dwar l-irwol u l-importanza tal-istorja fl-edukazzjoni ġenerali tal-istudenti. L-interess għat-tagħlim tal-istorja, sar joffri inkoraġġiment u sfidi ġodda għall-edukaturi tal-istorja. Mingħajr l-istorja, is-soċjetà tkun nieqsa mill-memorja kollettiva dwar l-imgħoddi tagħha, dwar il-valuri bażiċi, u dwar liema deċiżjonijiet tal-imgħoddi affettwaw iċ-ċirkostanzi preżenti. Mingħajr għarfien fl-istorja, ma jkollniex ċittadini informati u mħarrġa biex jipparteċipaw b’mod effettiv f’soċjetà demokratika.

L-istorja tagħmel aċċessibbli għall-istudenti, il-ġrajjiet, l-esperjenzi, u l-isfidi li għaddiet minnhom l-umanità matul iż-żminijiet, u  l-konsegwenzi li ħarġu mid-deċiżjonijiet meħuda dwarhom.  Meta l-istudenti janalizzaw l-għażliet u deċiżjonijiet tal-imgħoddi, ikunu jistgħu jqabbilhom mal-problemi tal-preżent, bir-riżultat li jkunu iżjed konxji tal-alternattivi possibbli u l-konsegwenzi li dawn l-alternattivi jġibu magħhom.

Il-memorja storika tgħin biex l-individwu jiskopri l-identità u postu fil-mixja taż-żmien u l-konnessjoni tiegħu mal-umanità. Mingħajr l-għarfien tal-għeruq tiegħu fl-istorja tal-umanità, l-individwu jkollu nuqqas fl-iżvilupp personali meħtieġ biex ikun ċittadin responsabbli. Għal din ir-raġuni, l-istorja u s-suġġetti umanitarji huma indispensabbli fil-kurrikulu tal-iskejjel.

L-istorja tagħti lill-istudenti l-opportunità li jiskopru u jifhmu aktar id-dinja, il-kulturi u stili ta’ ħajja differenti minn tagħhom. B’dan il-mod l-istudenti jibdew jaraw l-affarijiet minn għajnejn ħaddieħor, f’dinja li qed issir iżjed pluralista u interdipendenti.

Il-ħiliet fl-istorja huma għodda essenzjali biex wieħed jitgħallem il-kontenut tal-istorja. Bis-saħħa ta’ dawn il-ħiliet, l-istudenti jitħarrġu kif janalizzaw u jassessjaw il-validità u l-livell ta’ oġġettività u bias fis-sorsi. L-istorja tirrikjedi wkoll ħiliet fir-riċerka peress li l-istudenti huma mistennija jitgħallmu kif ifittxu sorsi rilevanti biex jibnu n-narattiva storika tagħhom.

It-tagħlim tal-istorja jinħtieġ ukoll tagħrif dwar fatti, dati, ismijiet, postijiet, ġrajjiet u ideat.  Barra minn hekk, biex wieħed jifhem aktar l-istorja, l-istudenti għandhom jitgħallmu jaħsbu b’mod storiku: isaqsu u jagħżlu sorsi rilevanti biex isaħħu l-argumenti tagħhom; imorru lil hinn mill-fatti ppreżentati fit-textbooks; jikkonsultaw dokumenti, ġurnali, djarji, artifatti, siti storiċi, xogħlijiet tal-arti, statistika u evidenzi oħra mill-imgħoddi. Dan għandu jsir bl-immaġinazzjoni, u jiġu ikkunsidrat il-kuntest storiku li fih kienu saru dawn is-sorsi.

Fl-aħħar nett, it-tagħlim tal-istorja jirrikjedi li l-istudenti jkollhom l-opportunità jipproduċu narattivi u argumenti storiċi taħt forma ta’ komponimenti, dibattiti, power point presentations u video clips.  Narrattivi miktuba tajjeb fl-istorja għandhom jinkludu interpretazzjonijiet u analiżi u jispjegaw il-konnessjoni bejn kontinwità u bidla, kawża u konsegwenza mżewqa ma’ riferenzi biografiċi u l-użu tajjeb ta’ termini storiċi.

Għalhekk, l-għan ta’ din il-websajt hi li tipprovdi lil min hu involut fil-pedagoġija tal-istorja repertorju ta’ kontenut, sorsi, riżorsi u web links għall-użu kemm fil-klassi, kif ukoll għal riċerka lil hinn mill-klassi. Il-websajt qed tkun ppreżentata b’verżjoni bil-Malti u bl-Ingliż sabiex tindirizza żvilupp riċenti fl-iskejjel fejn l-Ingliż hu l-ilsien primarju ta’ wħud mill-istudenti.

Raymond Spiteri, B.Ed (Hons), M.A.
Uffiċjali Edukattiv